Isma’, analizza u rriproduċi
X’inhi l-interpretazzjoni konsekuttiva?

L-interpretazzjoni konsekuttiva hija mod ta’ interpretazzjoni li fiha l-kelliem jagħmel diskors (jew jgħid xi ftit sentenzi) filwaqt li l-interpretu jieħu n-noti. L-interpretu mbagħad jirriproduċi f’lingwa oħra dak li jkun qal il-kelliem lill-udjenza.
Normalment l-interpretu jkun bilwieqfa jew bilqiegħda qrib il-kelliem, juża pinna u karti biex jieħu n-noti u juża l-mikrofonu (jekk ikun hemm wieħed) meta l-kelliem ikun spiċċa u jkun imissu hu biex jitkellem. Minkejja li jeżistu soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti għall-interpretazzjoni konsekuttiva, l-interpretu li jużahom xorta waħda jrid ikun jaf sew il-ħiliet deskritti hawn taħt u fl-istess ħin irid ikun utent espert tal-għodod użati.
F’xi strutturi (eż. diskorsi prinċipali twal) jista’ jintuża wkoll bidule (tagħmir portabbli għall-interpretazzjoni mingħajr kabina).
Il-ħiliet essenzjali
Biex tkun interpretu konsekuttiv tajjeb trid tkun kapaċi:
- tisma’ b’mod attiv ħafna u tanalizza x’ikun qed jgħid il-kelliem
- tieħu noti li jgħinuk tiftakar id-diskors int u tirriproduċih
- tirriproduċi d-diskors bil-lingwa attiva tiegħek daqslikieku kien oriġinarjament tiegħek
Kull waħda minn dawn it-tliet azzjonijiet tinvolvi għadd ta’ ħiliet differenti lil hinn mill-fehim tal-lingwa passiva/barranija.
Isma’
Interpretu konsekuttiv l-ewwelnett irid jitgħallem jisma’ b’mod attiv. Dan jidher sempliċi iżda l-interpreti jisimgħu b’mod differenti ħafna minn nies oħra għaliex l-iskop tas-smigħ hu differenti (l-istess bħalma psikoanalista għandu mod speċjali kif jisma’ lin-nies). L-interpreti ma jisimgħux biex jirreaġixxu jew jingħaqdu fil-konversazzjoni. Ikunu qed jisimgħu biex jiftakru u mbagħad jirriproduċu eżatt b’lingwa oħra dak li jkun intqal, b’mod fidil (bħalma psikoanalista jisma’ biex ikollu ħjiel tal-istat mentali tal-pazjent tiegħu).
Biex jitgħallmu din il-ħila speċjali, l-interpreti l-ewwel jitgħallmu kif jirriproduċu diskors mingħajr ma jieħdu noti. Fir-repożitorju tad-diskorsi, fil-kategoriji “basic” u “beginners”, hemm eżempji ta’ diskorsi li jistgħu jintużaw għal dan l-għan. Ladarba jiksbu din il-ħila, l-interpreti jitgħallmu jieħdu n-noti.
Analizza
It-teħid tan-noti huwa parti mit-tieni fażi tal-analiżi. L-interpretu jrid ikun kapaċi jipprijoritizza l-informazzjoni, jiddistingwi l-informazzjoni primarja minn dik sekondarja, u jieħu nota ċara ta’ min qal xiex, meta jiġri xi ħaġa, l-opinjoni tal-kelliem, eċċ. (min, xiex, meta, fejn, kif).
Irriproduċi
It-tielet u l-aħħar fażi tar-riproduzzjoni ta’ x’intqal għandha bżonn ħiliet differenti. Dawn jinkludu l-kapaċità li wieħed juża l-memorja immedjata, jifhem in-noti li jkun ħa, u jikkomunika b’mod interessanti. Kif wieħed jikkontrolla l-istress u jieħu ħsieb il-vuċi huma wkoll parti importanti minn dan il-proċess.
L-interpretazzjoni konsekuttiva teħtieġ il-kisba ta’ taħlita ta’ ħiliet differenti. Minkejja li hu fundamentali li wieħed jitkellem aktar minn lingwa waħda, dan hu biss parti mill-kompitu. Ħafna universitajiet joffru korsijiet fl-interpretazzjoni tal-konferenzi.
Fil-paġna tal-vidjos ta’ SCICtrain hemm kapitlu sħiħ dwar l-interpretazzjoni konsekuttiva. Is-sit web tal-ORCIT għandu wkoll moduli dwar dan is-suġġett. Fuq din il-pjattaforma disponibbli wkoll xi materjal ta’ taħriġ tad-DĠ Interpretazzjoni.
Għal aktar informazzjoni dettaljata, tista’ tikkonsulta għadd kbir ta’ kotba dwar l-interpretazzjoni konsekuttiva, inkluż dawk li jiffukaw fuq it-teħid tan-noti. Uħud mill-ismijiet u aktar riżorsi utli ssibhom fil-paġni tagħna ddedikati għall-kotba u l-kotba elettroniċi u għall-artikli u l-ġurnali.