Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

Għarfien tematiku

<p>Appoġġ imfassal apposta għal suġġetti ta’ prijorità</p>

L-interpreti tad-DĠ Interpretazzjoni jħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ suġġetti kumplessi kuljum. Iridu jifhmu u jwasslu fl-istess ħin u fid-dettall kunċetti speċifiċi ħafna b’termini preċiżi fil-lingwa tagħhom.

Għalhekk għandhom bżonn appoġġ imfassal apposta li jipprovdi mhux biss kuntest ġenerali iżda wkoll dettalji speċifiċi ta’ suġġett. Suġġett bħal dan jista’ jkun biss parti waħda minn qasam ta’ politika ħafna akbar li jkun qed jiġi diskuss fl-istituzzjonijiet kollha.

Id-DĠ Interpretazzjoni jorganizza korsijiet tematiċi li jiffukaw fuq dawn id-dettalji speċifiċi u jindirizza suġġetti ta’ prijorità mill-perspettiva tal-interpreti.

Il-korsijiet ġenerali dwar il-liġi, l-ekonomija u l-finanzi jipprovdu pedament sod ta’ għarfien u fehim f’dawn l-oqsma. Barra minn hekk, jiġu organizzati korsijiet u seminars dwar kwistjonijiet topiċi marbuta mal-prijoritajiet tal-UE, eż l-Aġenda tal-mexxejja, il-prijoritajiet istituzzjonali, u l-Programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni.

Uħud mill-korsijiet jiġu ppjanati minn qabel. Madankollu, matul is-sena jiġu organizzati korsijiet u preżentazzjonijiet oħra li jindirizzaw il-ħtiġijiet li jinqalgħu hekk kif inizjattivi differenti jsiru topiċi u jkollhom bżonn informazzjoni ġenerali.

Iż-żewġ tipi ewlenin ta’ korsijiet offruti huma deskritti hawn taħt.

Korsijiet tematiċi mmexxija minn esperti esterni

Korsijiet li jkopru introduzzjonijiet ġenerali fil-liġi, l-ekonomija u l-finanzi, li jipprovdu analiżi fid-dettall tal-elementi bażiċi u huma essenzjali għal ħafna interpreti li m’għandhomx sfond ġenerali speċjalizzat f’wieħed minn dawn l-oqsma.

Korsijiet tematiċi aktar speċjalizzati jitħejjew bir-reqqa u jingħataw minn esperti biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-interpreti. Eżempji jinkludu korsijiet tekniċi ħafna dwar it-tassazzjoni, il-politika monetarja, l-Unjoni tal-enerġija, u l-liġi ambjentali, ibbażati fuq il-prijoritajiet tal-grupp ta’ tliet Presidenzi tal-UE.

Attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien jew “preżentazzjonijiet tematiċi”

L-esperti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u l-persunal tar-rappreżentanzi permanenti (il-missjonijiet diplomatiċi tal-pajjiżi tal-UE) jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-interpreti tad-DĠ Interpretazzjoni dwar suġġetti jew fajls speċifiċi. L-interpreti li huma parti mill-persunal u li għandhom għarfien speċjalizzat jistgħu wkoll jaqsmu l-kompetenzi tagħhom.

Dawn il-preżentazzjonijiet tematiċi jiffukaw fuq prijoritajiet u proposti leġiżlattivi speċifiċi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u jkunu bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bil-lingwa nattiva tal-esperti. Dawn l-attivitajiet tal-qsim tal-għarfien huma wkoll opportunità eċċellenti għall-interpreti biex jinteraġixxu mill-qrib mal-utenti tas-servizzi tal-interpretazzjoni.