Inqarrbu l-lingwi fil-laqgħat tal-istituzzjonijiet tal-UE
Leġiżlazzjoni, standards u etika Interpretazzjoni tal-konferenzi bil-lingwa tas-sinjali
X’inhi l-interpretazzjoni tal-konferenzi?
Skont l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Interpreti tal-Konferenzi (AIIC, International Association of Conference Interpreters), l-interpretazzjoni hi prattika li twassal it-tifsira tal-messaġġ ta’ kelliem bil-fomm u b’lingwa oħra lis-semmiegħa li kieku ma kinux jifhmu. L-interpretazzjoni tal-konferenzi ssir f’laqgħat fejn ikun hemm diversi lingwi mitkellma, pereżempju, bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi.
Fil-Kummissjoni Ewropea, l-interpreti tal-konferenzi jistgħu jkunu kemm membri tal-persunal kif ukoll interpreti freelance. Dawn jistgħu jaħdmu għall-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ministri, il-Kunsill Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, u diversi aġenziji tal-UE. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol isir Brussell, iżda jagħmlu wkoll għadd mhux ħażin ta’ vjaġġi biex jakkumpanjaw lill-ministri jew lill-uffiċjali għal laqgħat barra l-pajjiż.

Ħiliet tal-interpretazzjoni
X’ħiliet irid ikollu interpretu? Minbarra ħakma tajba tal-lingwa nattiva tagħhom u fehim eċċellenti ta’ mill-inqas żewġ lingwi jew tlieta oħra, l-interpreti jrid ikollhom ukoll ħafna ħiliet u kwalitajiet oħra. Dan jinkludi l-ħila li janalizzaw messaġġ malajr u jikkomunikawh tajjeb. Iridu jkunu wkoll reżiljenti, ikunu kapaċi jlaħħqu mal-pressjoni u l-istress, ikunu utenti esperti tal-għodod diġitali u tal-IA, u jkollhom kurżità infinita peress li l-interpreti jistgħu jaħdmu f’laqgħat fuq kwalunkwe suġġett.
Id-DĠ Interpretazzjoni pproduċa għadd ta’ vidjos li jispjegaw eżatt x’inhi l-interpretazzjoni u x’għandek bżonn biex tkun interpretu ta’ suċċess.
Fl-istituzzjonijiet Ewropej nipprattikaw żewġ tipi ewlenin ta’ interpretazzjoni:
- interpretazzjoni konsekuttiva – din spiss issir f’ambjenti iżgħar, u l-interpretu jisma’, jieħu n-noti u jikkomunika dak li ntqal
- interpretazzjoni simultanja – l-interpreti jkunu fil-kabini u jaħdmu f’ħin reali
L-interpretazzjoni simultanja hi l-aktar mod komuni kif isir ix-xogħol tal-interpretazzjoni.

L-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu wkoll live-stream ta’ xi proċedimenti u tkun tista’ tisma’ l-interpreti fuq xogħolhom:
Kif issir interpretu tal-konferenzi
Irid ikollok ċerti ħiliet u kwalitajiet biex issir interpretu ta’ suċċess. Dawn tista’ titgħallimhom f’ħafna korsijiet postgradwatorji fl-interpretazzjoni tal-konferenzi disponibbli fl-universitajiet tal-UE u lil hinn minnha.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew jaħdmu mill-qrib mal-konsorzju tal-Masters Ewropej fl-Interpretazzjoni tal-Konferenzi. Il-konsorzju jiġbor flimkien dawk il-programmi postgradwatorji fl-interpretazzjoni tal-konferenzi li jilħqu ċerti standards.
Aħdem mal-UE
Ara kif tista’ taħdem bħala freelancer jew interpretu parti mill-istaff tal-istituzzjonijiet tal-UE.