Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

L-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi

Nagħmlu possibbli l-aċċess ugwali għas-servizzi

Ċentru kollaborattiv   Standards, regolamentazzjoni u etika   Żvilupp tal-kapaċitajiet   Lingwa tas-sinjali

X’inhi l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi?

L-istandard internazzjonali għar-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet għall-interpretazzjoni fil-komunità (ISO 13611:2024) jiddefinixxi l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi bħala:

L-interpretazzjoni li bis-saħħa tagħha n-nies jaċċessaw is-servizzi disponibbli għas-soċjetà kollha kemm hi, u li kieku ma kinux ikunu jistgħu jaċċessawhom minħabba ostaklu fil-komunikazzjoni li jirriżulta mill-użu ta’ lingwi differenti.

L-istandard ISO ġie żviluppat b’reazzjoni għall-bżonn globali li tħaddan id-diversità lingwistika, kulturali u etnika li dejjem qed tikber tan-nies li jikkomunikaw permezz tal-lingwi mitkellma jew tas-sinjali. L-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi tiżgura aċċess ugwali għas-servizzi fil-komunità lill-individwi li ma jifhmux il-lingwa li biha jkun qed jingħata s-servizz. L-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi tingħata f’firxa wiesgħa ta’ ambjenti, inkluż:

  • l-istituzzjonijiet pubbliċi: l-awtoritajiet lokali, is-servizzi tal-migrazzjoni, l-iskejjel, l-universitajiet u ċ-ċentri tal-komunità
  • is-servizzi soċjali: il-bordijiet għar-rifuġjati, iċ-ċentri ta’ awtoassistenza u l-uffiċċji tal-assistenza soċjali
  • is-servizzi tan-negozju u tal-industrija: is-servizzi tal-akkomodazzjoni, tal-proprjetà immobbli, tal-assigurazzjoni u dawk finanzjarji
  • l-organizzazzjonijiet ta’ ispirazzjoni reliġjuża: ir-riti, iċ-ċerimonji u l-laqgħat tal-komunità
  • l-organizzazzjonijiet tal-media: ix-xandiriet televiżivi, il-pjattaformi tal-internet u media oħra
  • is-servizzi ta’ emerġenza: ir-rispons għad-diżastri, il-ġestjoni tal-pandemiji u l-komunikazzjoni dwar il-kriżijiet

L-interpreti tas-servizzi pubbliċi jew l-interpreti tal-komunità, jaħdmu f’dawn l-ambjenti u jridu jkunu konformi ma’ regoli u r-regolamenti speċifiċi. B’mod partikolari, l-interpretazzjoni legali u dik relatata mal-kura tas-saħħa spiss jiġu trattati bħala oqsma distinti li għandhom bżonn taħriġ speċjalizzat. Minkejja li xi pajjiżi idaħħlu l-interpretazzjoni legali u dik relatata mal-kura tas-saħħa taħt l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi, oħrajn iqisuhom bħala dixxiplini separati.

L-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi evolviet fi professjoni rikonoxxuta u hi soġġetta għal ċerti standards u regolamenti.

L-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi normalment tinvolvi tliet partijiet:

  • l-utenti tas-servizz: l-individwi li għandhom bżonn jaċċessaw servizzi essenzjali iżda jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli fil-lingwa, bħal ġenitur li jrid jikkomunika ma’ għalliem
  • dawk li jagħtu s-servizz: l-individwi li jipprovdu s-servizzi fil-lingwa tal-istituzzjoni jew tal-organizzazzjoni, bħal impjegat tas-servizz pubbliku, konsulent jew għalliem
  • l-interpreti tas-servizzi pubbliċi: il-professjonisti tas-sengħa li għandhom għarfien espert f’żewġ lingwi jew aktar (mitkellma, tas-sinjali jew miktuba) u li jistgħu jaħdmu b’reġistri lingwistiċi differenti

L-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi taqdi rwol kruċjali biex ikun żgurat li kulħadd ikollu aċċess ugwali għas-servizzi essenzjali fis-soċjetajiet multilingwi u multikulturali. Bħala professjoni dinamika u li qed tevolvi, l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi għadha tindirizza l-isfidi li jinħolqu mid-diversità lingwistika, u tenfasizza l-bżonn ta’ taħriġ, kollaborazzjoni u standardizzazzjoni kontinwi.

Enfasi fuq il-migrazzjoni

Fil-kuntest taċ-Ċentru tal-Għarfien dwar it-Traduzzjoniu l-Interpretazzjoni (KCTI, Knowledge Centre on Translation and Interpretation), l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi tirreferi għall-interpretazzjoni li bis-saħħa tagħha tkun possibbli komunikazzjoni ċara u bidirezzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali u l-individwi migranti jew refuġjati li ma jitkellmux jew ma jifhmux biżżejjed il-lingwa/i nazzjonali. Din it-tip ta’ interpretazzjoni għandha r-rwol kruċjali f’dan li ġej:

  • il-valutazzjoni tal-istat tal-applikanti għall-ażil u tal-applikanti potenzjali għall-ażil
  • iċ-ċertezza tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi essenzjali, bħall-kura tas-saħħa, l-appoġġ soċjali u s-servizzi tal-pulizija

Fis-snin riċenti, id-domanda għall-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi kibret ħafna fl-UE minħabba ż-żieda sinifikanti fl-għadd ta’ migranti. B’reazzjoni għal dan ix-xenarju li qed jevolvi, l-attenzjoni hawnhekk tingħata lill-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi fil-kuntest tal-migrazzjoni, b’mod partikolari dwar l-isforzi għall-istandardizzazzjoni.

Sfidi u reazzjonijiet


Minkejja d-domanda li dejjem tikber għall-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi, għad hemm fejn jiġu żviluppati standards uniformi fl-oqsma ewlenin bħall-kwalità, it-taħriġ, l-etika u l-ħlas. Barra minn hekk, għad m’hemmx definizzjoni aċċettata b’mod universali tal-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Ħafna interpreti tas-servizzi pubbliċi m’għandhomx aċċess għal taħriġ professjonali formali jew inkella ingħataw biss taħriġ parzjali. Dan in-nuqqas ta’ interpreti mħarrġa kien partikolarment evidenti waqt il-flussi migratorji eċċezzjonali fl-2015 u fl-2016, meta l-pajjiżi tal-UE ħabbtu wiċċhom ma’ sfidi biex jorganizzaw biżżejjed servizzi ta’ interpretazzjoni, inkluż fil-hospots imwaqqfin mill-UE.

Għadd dejjem akbar ta’ istituzzjonijiet edukattivi u universitajiet bdew jiżviluppaw korsijiet speċjalizzati fl-interpretazzjoni biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Xi wħud minn dawn l-istituzzjonijiet talbu l-appoġġ mid-DĠ Interpretazzjoni biex jgħinhom fl-istandardizzazzjoni u l-iżvilupp tal-kurrikulu. Aqra aktar dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fl-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi. 

Ir-rwol tad-DĠ Interpretazzjoni

Il-mandat ewlieni tad-DĠ Interpretazzjoni hu li jipprovdi l-interpretazzjoni tal-konferenzi għall-Kummissjoni Ewropea u diversi istituzzjonijiet oħra tal-UE. Peress li hi qasam distint, l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi mhix kompetenza tagħna, u l-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għaliha. Minkejja li d-DĠ Interpretazzjoni ma jorganizzax u ma jipprovdix interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi, hu impenjat li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien.

Il-KCTI sservi ta’ riżorsa għal dawk involuti fl-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi. L-għan tagħha hu li:

  • tipprovdi spazju għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki
  • tappoġġa l-iżvilupp tal-komunitajiet ta’ prattika
  • tiffaċilita l-approċċ “minn isfel għal fuq” għall-istandardizzazzjoni fl-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi

Billi jipprovdi din il-pjattaforma, l-għan tad-DĠ Interpretazzjoni hu li jħeġġeġ id-djalogu u l-kooperazzjoni fost dawk li jaħdmu fil-qasam, u jagħti l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp fit-tul tal-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi fl-UE.

Kif tagħti sehmek

Żur iċ-Ċentru kollaborattiv għad-dettalji kollha dwar kif tista’ tagħti sehmek.

Ejja ninterpretaw!

L-Universitat Autònoma de Barcelona, bl-appoġġ finanzjarju tad-DĠ Interpretazzjoni, ipproduċiet sensiela ta’ vidjos dwar l-interpretazzjoni tas-servizzi pubbliċi bl-isem Public Service Interpreting and the Challenges of the New Millennium.