Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

Ċentru kollaborattiv

Kif nista’ nikkontribwixxi għall-għarfien kollettiv fil-qasam tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku?

IKKONTRIBWIXXI

It-taqsima tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku taċ-Ċentru tal-Għarfien isservi bħala ċentru kollaborattiv għal kull min hu involut jew interessat fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku. It-tipi ta’ interpretazzjoni jvarjaw ħafna biex jissodisfaw l-esiġenzi ta’ kuntesti komunikattivi speċifiċi bħas-servizzi tas-saħħa, l-ażil, l-attivitajiet tal-pulizija, u l-kuntesti legali jew taż-żoni ta’ kunflitt. Din it-taqsima tiffoka fuq tipi ta’ interpretazzjoni li qed jiksbu prominenza minħabba x-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel.

F’dawn l-aħħar snin, iż-żieda fil-mobbiltà u fil-migrazzjoni kabbret il-ħtieġa għal interpreti kkwalifikati fi ħdan is-servizzi pubbliċi madwar l-UE. Filwaqt li l-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku primarjament taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri tal-UE, din il-pjattaforma għandha l-għan li ssaħħaħ id-djalogu, taqsam l-għarfien espert, u tħeġġeġ il-kollaborazzjoni fost il-komunità tal-interpretazzjoni u l-partijiet ikkonċernati relatati.

Għal min hi maħsuba t-taqsima?

It-Taqsima hija mfassla għal dawk involuti fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku (interpretazzjoni komunitarja), inklużi l-interpretazzjoni legali u l-interpretazzjoni fil-qasam tas-saħħa:

  • L-interpreti
  • L-istudenti
  • L-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi
  • Ir-riċerkaturi
  • L-organizzazzjonijiet professjonali
  • Il-fornituri tal-korsijiet
  • L-awtoritajiet pubbliċi

Kif taħdem?

Peress li l-Kummissjoni m’għandhiex għarfien espert jew kompetenza speċifika fl-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku nnifisha, din it-taqsima hija primarjament maħsuba biex tħeġġeġ l-arrikkiment reċiproku f’diversi tipi ta’ interpretazzjoni u tippromwovi s-sinerġiji fost il-partijiet ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati huma mħeġġin jgħinu fl-espansjoni tal-għarfien kollettiv u biex dan isir aċċessibbli għal udjenza usa’. Meta taqsam l-informazzjoni u żżid il-kontenut, tkun qed tgħin biex jiġu żviluppati bażi tad-data aktar komprensiva u komunità vibranti għall-professjonisti tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku u għal dawk li għandhom interess fih madwar id-dinja. Inti parti minn organizzazzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku u tixtieq tikkontribwixxi? Ir-reġjun jew il-pajjiż tiegħek għandu liġi jew kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku? Nistednuk taqsam magħna dak li taf, speċifikament dwar il-partijiet ikkonċernati, ir-regolamenti, il-prattiki, il-proġetti ta’ riċerka, u l-avvenimenti.


Tista’ toħloq ukoll komunitajiet biex tiddiskuti suġġetti ta’ interess u tipproponi kontribuzzjonijiet għall-pubblikazzjoni. Il-Mapping PSI Community hija eżempju ta’ spazju kollaborattiv iddedikat speċifikament għal suġġetti u kontenut relatati mal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku.


Is-sottomissjonijiet jistgħu jvarjaw minn studji akkademiċi sa stejjer ta’ suċċess jew riżorsi rilevanti oħrajn, bi kwalunkwe lingwa. Il-valur u l-impatt tal-pjattaforma jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawk li jagħmlu użu minnha.


IKKONTRIBWIXXI