Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

Proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE dwar l-interpretazzjoni

<p>Skopri aktar dwar proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE</p>

Interpretazzjoni remota u intelliġenza artifiċjali

Proġett ta’ riċerka fl-Università ta’ Ghent dwar l-għodod tal-IA fil-kabina u t-tagħbija konjittiva

Fl-2024, kien hemm 12-il interpretu tad-DĠ Interpretazzjoni li ħadu sehem fi studju biex jiġi ddeterminat kif l-għodod ta’ appoġġ ibbażati fuq l-IA jħallu impatt fuq l-interpreti fil-kabina u biex ikejlu l-piż konjittiv fuq l-interpreti meta jaħdmu b’dawn l-għodod u mingħajrhom.

SmarTerp

SmarTerp tintegra l-assistenza tal-magni fil-fluss tax-xogħol tal-interpretazzjoni umana u toffri soluzzjoni ta’ interpretazzjoni simultanja mill-bogħod li taħdem bl-IA. Din is-soluzzjoni tgħin lill-interpreti jlaħħqu mal-attività eżiġenti tal-interpretazzjoni simultanja u tadatta s-servizz għall-ħtiġijiet terminoloġiċi tal-klijent.

Rikonoxximent Awtomatiku tad-Diskors (ASR, Automatic Speech Recognition)

L-ASR kien proġett ta’ riċerka kofinanzjat mid-DĠ Interpretazzjoni, li dam għaddej bejn Settembru 2020 u Awwissu 2021. Dan twettaq mid-DĠ Interpretazzjoni, l-Università ta’ Ghent u l-Università Johannes Gutenberg Mainz u vvaluta l-benefiċċji potenzjali u l-utilità tat-teknoloġija tar-rikonoxximent awtomatiku tad-diskors fil-kabina. Ir-rikonoxximent awtomatiku tad-diskors jista’ jiffaċilita l-ħidma tal-interpreti fil-kabina peress li s-sistema tislet informazzjoni mill-awdjo tal-kelliem u turi n-numri, l-ismijiet u t-terminoloġija.

Interpretazzjoni Permezz tal-Vidjo

AVIDICUS — Valutazzjoni tal-Interpretazzjoni permezz tal-Vidjo fis-Sistema tal-Ġustizzja Kriminali

AVIDICUS huwa proġett imwettaq fi tliet stadji li vvaluta l-affidabbiltà u l-kwalità tal-interpretazzjoni bil-vidjo fi proċedimenti kriminali sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja madwar l-Ewropa. AVIDICUS għandu wkoll taqsima ta’ taħriġ dwar l-interpretazzjoni permezz tal-vidjo għall-interpreti u l-prattikanti legali.

SHIFT – Formazzjoni tal-Interpreti tal-Futur u tal-Lum

SHIFT kien proġett Erasmus+ ta’ 3 snin iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015. L-għan tal-proġett kien li jiżviluppa soluzzjoni komprensiva għat-taħriġ fl-interpretazzjoni mill-bogħod fl-edukazzjoni għolja u fit-tagħlim tul il-ħajja. Dan inkiseb permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-interpreti u network Ewropew ta’ universitajiet li joffru programmi ta’ interpretazzjoni.

Aktar dwar il-proġett SHIFT

Interpretazzjoni f’realtà virtwali

IVY – Interpretazzjoni fir-Realtà Virtwali 

Il-proġett IVY juża l-karatteristiċi eċitanti tat-teknoloġija tal-ambjent virtwali 3D.

EVIVA –  Evalwazzjoni tal-Edukazzjoni tal-Interpreti u tal-Klijenti tagħhom permezz ta’ Attivitajiet ta’ Apprendiment Virtwali 

EVIVA evalwa l-opportunitajiet edukattivi li jistgħu joffru t-tliet tipi ta’ ambjenti virtwali għall-apprendiment (id-dinjiet virtwali 3D, l-ambjenti bbażati fuq il-vidjo u l-konferenzi bil-vidjo) lill-interpreti futuri u lill-klijenti tagħhom.

Interpretazzjoni legali, umanitarja u tas-servizz pubbliku

Serje ta’ vidjos dwar l-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku, l-Interpretazzjoni tas-Servizz Pubbliku u l-Isfidi tal-Millennju l-Ġdid, ġiet prodotta mill-Universitat Autònoma de Barcelona bl-appoġġ finanzjarju tad-DĠ Interpretazzjoni.

Il-proġett vidjo kellu l-għan li jippromwovi u jtejjeb ix-xogħol u t-taħriġ ta’ interpreti professjonali fis-servizzi pubbliċi Ewropej. L-għanijiet ewlenin kienu:

  • li jiġi żviluppat materjal awdjoviżiv b’aċċess miftuħ għall-ħarrieġa u l-apprendisti fl-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku kif ukoll għal udjenza ġenerali
  • li tingħata viżibbiltà lill-ħidma tal-interpreti tas-servizz pubbliku fl-UE u l-importanza tal-programmi ta’ taħriġ fl-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku
  • li tiġi introdotta l-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku għall-istudenti tal-interpretazzjoni tal-konferenzi bħala mezz biex jitwessa’ l-għarfien tagħhom dwar il-modi tal-interpretazzjoni, l-oqsma ta’ attività u l-kuntesti komunikattivi.

Ara s-serje ta’ vidjos

ImPLI – Titjib fl-Interpretazzjoni Legali u tal-Pulizija

ImPLI kien studju komparattiv ta’ prattiki ta’ interrogazzjoni medjati mill-interpreti, speċjalment mill-pulizija, fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fl-Iskozja. Il-proġett kellu żewġ għanijiet:

  • li jinstiga jew jespandi d-diskussjonijiet fost il-professjonisti
  • li jaqsam l-informazzjoni u l-aħjar prattiki fost is-sħab tal-ImPLI.

CO-Minor-IN/QUEST

Il-proġett iffoka fuq vittmi vulnerabbli, suspettati u xhieda taħt l-età ta’ 18-il sena u fuq kif jipprovdilhom l-informazzjoni, l-appoġġ u l-protezzjoni meħtieġa. Il-proġett wettaq riċerka siewja u pproduċa materjal biex jgħin lill-interpreti jassistu lill-klijenti żgħażagħ tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

CO-Minor-IN/QUEST I - Il-Paġna tal-Proġett ta’ KU Leuven

CO-Minor-IN/QUEST II - Il-Paġna tal-Proġett ta’ KU Leuven

CO-MinorIN/QUEST - It-Tfal u l-Ġustizzja: Ngħelbu l-ostakli lingwistiċi

CO-Minor-IN/QUEST - Rakkomandazzjonijiet

CO-MinorIN/QUEST - Manwal għall-ħarrieġa    

SOS-VICS – Semma’ Leħnek għall-Appoġġ

Dan il-proġett pilota, kofinanzjat mill-programm tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali u l-universitajiet sħab, kellu l-għan li jtejjeb it-taħriġ tal-interpreti li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

JUSTISIGNS – Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali fil-Kuntest Legali

Ir-rikonoxximent limitat tal-lingwi tas-sinjali spiss jirrestrinġi l-aċċess tal-persuni torox għall-informazzjoni fl-istadji kollha tal-proċess legali. JUSTISIGNS jiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-ħiliet għall-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali f’ambjenti legali u l-għoti ta’ taħriġ għal interpreti tal-lingwa tas-sinjali kkwalifikati u li qed jikkwalifikaw f’dan il-qasam.

ReACTMe – Riċerka, Azzjoni u Taħriġ fl-Interpretazzjoni Medika

ReACTMe laqqa’ flimkien sitt istituzzjonijiet mir-Rumanija (l-Università ta’ Babeş-Bolyai u l-Università tal-Mediċina u l-Farmaċija ta’ Iuliu Haţieganu), l-Italja (l-Università ta’ Bologna u l-Università tal-Istudji Internazzjonali ta’ Ruma) u Spanja (l-Università ta’ San Jorge u l-Università ta’ Murcia).

Dan kellu l-għan li jipprovdi għodod għat-taħriġ ta’ interpreti mediċi, ħarrieġa u studenti tal-edukazzjoni għolja, u li jfassal kurrikulu ta’ modulu ekstrakurrikulari.

ReTrans

Il-proġett Erasmus+ ReTrans kellu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar l-interpretazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ migrazzjoni umanitarja u transfruntiera u jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi tal-medjazzjoni lingwistika f’żoni ta’ tranżitu tar-refuġjati. Dan sar permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ materjali didattiċi faċli biex jintużaw għall-istudenti u l-għalliema minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-interpreti.

F’erba’ pakketti ta’ ħidma, is-sħab tal-proġetti minn erba’ pajjiżi differenti li jinsabu tul ir-rotot migratorji Ewropej ingħaqdu flimkien biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li jaħdmu f’żoni ta’ tranżitu u biex jgħinu lill-istudenti u lill-għalliema tal-edukazzjoni għolja jifhmu l-isfidi mhux biss ta’ medjazzjoni f’sitwazzjonijiet bħal dawn, iżda wkoll ta’ ġestjoni adegwata tal-provvista ta’ servizzi lingwistiċi għal dawk kollha involuti. Billi jagħti leħen lill-interpreti, lir-rappreżentanti istituzzjonali u lir-refuġjati, il-proġett ReTrans fittex li jrawwem l-iskambju bejn dawk fil-qasam u dawk fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

Interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali

SignAll 

Is-sistema SignAll tittraduċi direttament il-lingwa tas-sinjali, li mhux biss tgħin lill-persuni torox, iżda wkoll tgħallem lill-oħrajn kif jużaw il-lingwa tas-sinjali.

SiMAX - l-Avatar tal-Lingwa tas-Sinjali

Ir-riċerkaturi ffinanzjati mill-UE żviluppaw avatar li se jgħin biex il-kontenut diġitali u l-informazzjoni pubblika jsiru aktar aċċessibbli għall-komunità tat-torox.

EASIER

EASIER huwa proġett Orizzont 2020 li kellu l-għan li jfassal, jiżviluppa u jivvalida sistema sħiħa ta’ traduzzjoni awtomatika multilingwi. Is-sistema se taġixxi bħala qafas għall-komunikazzjoni mingħajr ostakli fost l-individwi torox u li jisimgħu.

SignON – Applikazzjoni Mobbli għat-Traduzzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali u Qafas ta’ Komunikazzjonijiet Miftuħa

SignON jgħaqqad id-distakk lingwistiku fost l-utenti torox tal-lingwa tas-sinjali, l-individwi b’diffikultajiet fis-smigħ u l-persuni li jisimgħu billi jkisser l-ostakli għall-informazzjoni eżistenti.