Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

L-iżvilupp tal-kapaċitajiet

Kif insir interpretu kkwalifikat għas-servizz pubbliku?

It-tipi ta’ korsijiet tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku

Kulma jmur, madwar l-Istati Membri tal-UE qed jiġu offruti aktar korsijiet tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku, u dan jirrifletti l-importanza dejjem tikber ta’ dan il-qasam f’kuntesti soċjali differenti. Dawn il-korsijiet huma mfasslin biex l-interpreti jiksbu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni effettiva f’kuntesti tas-servizz pubbliku bħas-servizzi tas-saħħa, legali, u soċjali.

Korsijiet fil-livell universitarju

Ħafna korsijiet tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku jiġu offruti fil-livell universitarju, bħala programmi awtonomi jew bħala moduli integrati fi studji iktar ġenerali tal-interpretazzjoni jew tat-traduzzjoni. Il-Master’s Ewropew fl-Interpretazzjoni tal-Konferenzi (EMCI) għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja għall-interpreti fl-UE. Filwaqt li l-enfasi hija primarjament fuq l-interpretazzjoni tal-konferenzi, diversi universitajiet membri tal-EMCI jinkludu wkoll fil-kurrikuli tagħhom korsijiet jew moduli relatati mal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku.

Barra minn hekk, diversi universitajiet oħrajn fl-UE u madwarha jipprovdu taħriġ speċjalizzat fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku. Dawn huma xi ftit eżempji:

L-Università ta’ Alcalá (Spanja): toffri Master’s fil-Komunikazzjoni Interkulturali, l-Interpretazzjoni għas-Servizz Pubbliku, u t-Traduzzjoni. Dan il-programm huwa mfassal għal dawk li qed ifittxu xogħol f’ambjenti tas-servizz pubbliku bħas-servizzi tas-saħħa jew l-interpretazzjoni legali. Dan jinkludi taħriġ prattiku fil-medjazzjoni kulturali u fl-użu tat-teknoloġija tal-interpretazzjoni.

L-Università ta’ Leeds (ir-Renju Unit): iċ-Ċentru għall-Istudji tat-Traduzzjoni joffri modulu ta’ Interpretazzjoni tas-Servizz Pubbliku bħala parti mill-programmi tal-interpretazzjoni li joffri. Dan il-modulu jagħti lill-istudenti ħiliet prattiċi u b’għarfien teoretiku għall-interpretazzjoni f’kuntesti legali, tas-servizzi tas-saħħa, u tal-komunità. Jenfasizza l-applikazzjoni prattika permezz ta’ logħob bl-irwoli u taħriġ ibbażat fuq ix-xenarji b’materjali tal-ħajja reali.

Dawn il-programmi universitarji jirriflettu rikonoxximent dejjem akbar tal-importanza tat-taħriġ professjonali fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku, b’enfasi qawwija fuq l-istandards professjonali li jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tal-ħidma f’ambjenti multilingwi u multikulturali.

Inizjattivi ta’ taħriġ fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku li ġejjin mill-komunità

It-taħriġ fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku mhuwiex limitat għall-istituzzjonijiet akkademiċi. L-organizzazzjonijiet komunitarji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-UE jipprovdu korsijiet biex l-individwi jkunu kapaċi jinterpretaw f’kuntesti tas-servizz pubbliku, speċjalment b’rispons għall-ħtiġijiet tal-migranti u tar-refuġjati. Dawn jistgħu jinkludu korsijiet qosra jew workshops biex il-persuni bilingwi jiksbu l-ħiliet ta’ interpretazzjoni għall-użu fis-servizzi tas-saħħa, soċjali, u legali. Dawn il-programmi spiss jikkomplementaw l-edukazzjoni formali billi jindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati tal-komunità.

L-InDialog u l-Critical Link enfasizzaw il-ħtieġa ta’ taħriġ lokalizzat għall-interpreti f’oqsma bħas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, u s-sistemi legali. Dawn il-konferenzi jindirizzaw id-diversità tal-prattiki tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku u jenfasizzaw l-inizjattivi reġjonali għat-taħriġ tat-tradutturi u tal-interpreti.

Għal aktar tagħrif dwar ir-rekwiżiti minimi u r-rakkomandazzjonijiet għall-kompetenzi fundamentali mgħallmin fil-programmi ta’ interpretazzjoni komunitarja, ara t-taqsima dwar l-istandards, ir-regolamentazzjoni, u l-etika.

Possibbiltajiet flessibbli u inklużivi għat-taħriġ

Il-programmi tat-taħriġ fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku jistgħu jvarjaw ħafna fil-format u fl-aċċessibbiltà tagħhom. Jistgħu jvarjaw minn korsijiet qosra intensivi sa programmi part-time, u dan jiżgura li jkunu inklużivi u adattabbli għall-isfondi differenti ta’ min qed jaspira li jsir interpretu. Id-disponibbiltà ta’ tali taħriġ tirrifletti r-rikonoxximent dejjem jikber tal-irwol kruċjali tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u fl-iżgurar ta’ aċċess ekwu għas-servizzi pubbliċi.

Ngħidu aħna, fir-Renju Unit id-Diploma tal-Livell 6 fl-Interpretazzjoni għas-Servizz Pubbliku (DPSI), li hija ġestita miċ-Chartered Institute of Linguists, hija kwalifika rrikonoxxuta fil-livell nazzjonali għal dawk li qed jaspiraw biex isiru interpreti għas-servizz pubbliku. Dan il-programm huwa disponibbli online u jiffoka fuq oqsma ewlenin bħall-kuntesti tas-saħħa, legali, u tal-gvern lokali.

Istituzzjonijiet bħall-Herts Interpreting & Translation Services (HITS) joffru korsijiet preparatorji għall-eżami tad-DPSI. Dawn il-korsijiet spiss isiru online, u dan jagħmilhom aċċessibbli għal udjenza wiesgħa u diversa.

Il-HITS tipprovdi taħriġ prattiku u bbażat fuq il-ħiliet biex jiġi żgurat li l-interpreti jkunu mħejjijin sew biex jissodisfaw l-esiġenzi professjonali tal-ħidma mas-servizz pubbliku. Dan il-metodu jenfasizza t-tendenza dejjem tikber favur mudelli ta’ taħriġ flessibbli li jakkomodaw studenti minn diversi sfondi ġeografiċi u professjonali.

Sostenn Ewropew usa’ min-naħa tal-korpi rappreżentattivi fil-qasam tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku

In-Network Ewropew għall-Interpretazzjoni u t-Traduzzjoni għas-Servizz Pubbliku (ENPSIT) għandu rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku madwar l-Ewropa. L-ENPSIT ilaqqa’ flimkien komunità diversa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi fornituri tas-servizzi ta’ interpretazzjoni għas-servizz pubbliku, istituzzjonijiet tat-taħriġ, interpreti, tradutturi, edukaturi, assessuri, u riċerkaturi minn diversi pajjiżi Ewropej.

Il-kontribuzzjonijiet ewlenin tal-ENPSIT jinkludu:

  • Il-promozzjoni tal-istrateġija politika: l-ENPSIT jaħdem b’mod attiv biex tiġi stabbilita politika Ewropea koeżiva u jiġi ggarantit il-finanzjament għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għas-servizz pubbliku. Ifassal rakkomandazzjonijiet għal strateġiji politiċi għall-Kummissjoni Ewropea u jinvolvi ruħu fi djalogi mal-Membri tal-Parlament Ewropew.
  • L-istandardizzazzjoni u t-taħriġ: in-network huwa strumentali biex jiġu żviluppati standards minimi għat-taħriġ u l-valutazzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku. Permezz ta’ proġetti kollaborattivi bħall-inizjattiva EU-WEBPSI, l-ENPSIT jgħin biex jinħolqu moduli ta’ taħriġ elettroniku u għodod tal-IT maħsubin għat-titjib tal-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi ta’ interpretazzjoni għas-servizz pubbliku.
  • Il-bini tal-komunità: bit-tisħiħ tal-konnessjonijiet fost il-professjonisti u l-istituzzjonijiet involuti fl-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku, l-ENPSIT jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, tar-riżultati tar-riċerka, u ta’ sistemi innovattivi għat-taħriġ tal-interpreti u tat-tradutturi.

L-isforzi tal-ENPSIT jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-professjonalizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku madwar l-Ewropa. Dan jiżgura li l-interpreti u t-tradutturi jkunu mgħammrin tajjeb biex jissodisfaw il-ħtiġijiet lingwistiċi differenti ta’ min juża s-servizz pubbliku.

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Interpreti u t-Tradutturi Legali (EULITA) hija organizzazzjoni kruċjali ddedikata għat-titjib tal-kwalità u għar-rikonoxximent tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni legali madwar l-Ewropa. L-EULITA tlaqqa’ flimkien assoċjazzjonijiet nazzjonali, professjonisti individwali, u istituzzjonijiet akkademiċi biex jippromwovu l-istandards professjonali u t-taħriġ f’kuntesti legali.

Il-kontribuzzjonijiet ewlenin tal-EULITA jinkludu:

  • Il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-istrateġija politika: l-EULITA tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-istituzzjonijiet tal-UE biex tippromwovi standards u prattiki konsistenti għall-interpreti u t-tradutturi legali. Tirrappreżenta l-interessi tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u taħdem għar-rikonoxximent tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni legali bħala professjonijiet speċjalizzati.
  • It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali: l-assoċjazzjoni tappoġġa l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ speċjalizzati u riżorsi mfasslin skont il-ħtiġijiet tal-interpreti u t-tradutturi legali. Bil-fatt li tiffaċilita l-workshops, il-konferenzi, u l-proġetti kollaborattivi, l-EULITA tippromwovi l-iżvilupp professjonali ma jaqta’ xejn u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-professjonisti.
  • L-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni: l-EULITA tikkontribwixxi għall-ħolqien u t-tixrid ta’ linji gwida u proċessi ta’ ċertifikazzjoni maħsubin biex jiġi żgurat li l-interpreti u t-tradutturi legali jkunu kompetenti u affidabbli. Dan jinkludi l-involviment fl-iżvilupp ta’ standards Ewropej u fil-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta etiċi.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, l-EULITA għandha rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-infrastruttura għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni legali fl-Ewropa, u b’hekk ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u toffri sostenn favur id-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti legali multilingwi.

Barra minn hekk, iċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tal-Kunsill tal-Ewropa jappoġġja l-edukazzjoni lingwistika u l-iżvilupp professjonali tal-interpreti u t-tradutturi. Permezz ta’ proġetti, workshops, u inizjattivi ta’ riċerka, jinkoraġġixxi l-aħjar prattiki u approċċi innovattivi għat-taħriġ lingwistiku u interkulturali, u b'hekk jallinja ruħu mal-għanijiet ta’ ħafna programmi ta’ interpretazzjoni għas-servizz pubbliku madwar l-UE.