Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

L-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku — l-istandards, ir-regolamentazzjoni, u l-etika

Xi standards japplikaw għall-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku?

Standards internazzjonali

L-ISO/TC 37/SC 5 huwa s-sottokumitat tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) iddedikat għat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, u t-teknoloġija relatata. Jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali li jtejbu l-kwalità, l-effiċjenza, u l-affidabbiltà tas-servizzi tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni madwar id-dinja. Dawn l-istandards ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma, mir-rekwiżiti ġenerali tas-servizz sal-istandards speċjalizzati għat-tagħmir, it-taħriġ, u oqsma speċifiċi tal-interpretazzjoni.

L-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku

Diversi standards tal-ISO jindirizzaw b’mod speċifiku l-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku, li tissejjaħ ukoll interpretazzjoni komunitarja. Dawn l-istandards jistabbilixxu linji gwida ċari kemm għall-fornituri tas-servizzi kif ukoll għall-interpreti biex jiżguraw servizzi ta’ interpretazzjoni ta’ kwalità għolja u etiċi. Din ta’ hawn taħt hija ħarsa ġenerali lejn l-istandards ewlenin.

  • ISO/TS 6253: 2024 — Ir-rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet għall-programmi tat-taħriġ fl-interpretazzjoni komunitarja. Dan id-dokument jispeċifika l-ħiliet fundamentali li huma meħtieġa fil-programmi tat-taħriġ fl-interpretazzjoni komunitarja u jsemmi l-kwalifiki tal-edukaturi li jagħtu tali taħriġ. Japplika kemm għal-lingwi tas-sinjali kif ukoll għal dawk mitkellmin, u jkopri l-interpretazzjoni konsekuttiva u simultanja, inklużi l-interpretazzjoni minn taħt l-ilsien u t-traduzzjoni fuq l-għajnejn. Idħol wara l-kwinti u skopri kif dan l-istandard ġie żviluppat permezz ta’ kollaborazzjoni esperta — isma’ l-podcast Standards Speak: Language Edition – ISO/TC 37/SC 5.
  • ISO 13611: 2024 — Is-servizzi tal-interpretazzjoni — l-interpretazzjoni komunitarja — ir-rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet. Dan l-istandard jagħti l-prinċipji fundamentali u l-aħjar prattiki għall-forniment tas-servizzi ta’ interpretazzjoni komunitarja. Jindirizza l-ħtiġijiet ta’ diversi komunitajiet lingwistiċi (mitkellmin u tas-sinjali) u jistabbilixxi aspettattivi ta’ kwalità għall-utenti finali, il-klijenti, u l-interpreti.
  • ISO 20228: 2019 — Is-servizzi tal-interpretazzjoni — l-interpretazzjoni legali — ir-rekwiżiti. Dan id-dokument jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi tal-interpretazzjoni legali, inklużi l-ħiliet li jrid ikollhom l-interpreti legali u r-rakkomandazzjonijiet għal kuntesti legali u modi ta’ interpretazzjoni differenti.
  • ISO 21998: 2020 — Is-servizzi tal-interpretazzjoni — l-interpretazzjoni fil-qasam tas-saħħa — ir-rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet. Dan l-istandard jipprovdi gwida għall-interpretazzjoni fil-qasam tas-saħħa b’lingwi mitkellmin u tas-sinjali, b’mod li jenfasizza r-rekwiżiti uniċi tal-komunikazzjoni f’kuntesti mediċi. Japplika kemm għall-fornituri tas-servizzi tal-interpretazzjoni kif ukoll għall-interpreti fil-qasam tas-saħħa.
  • ISO/CD 17651-4 — L-interpretazzjoni simultanja — l-ambjent tax-xogħol tal-interpreti — Parti 4: Ir-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet għall-ispazji tax-xogħol tal-interpretazzjoni bil-lingwi tas-sinjali. Din il-parti tistabbilixxi r-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet għat-tfassil u l-istabbiliment ta’ spazji tax-xogħol għall-interpretazzjoni bil-lingwi tas-sinjali f’kuntesti fil-post u mill-bogħod. Tkopri l-viżibbiltà u l-linja tal-vista, id-dawl u l-isfondi, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-kamera/kif tidher l-istampa, l-ergonomija u s-saħħa u s-sikurezza, u l-arranġamenti b’rabta max-xogħol fi grupp. Sir af aktar dwar is-serje 17651 — isma’ l-podcast Standards Speak: Language Edition – ISO/TC 37/SC 5.

L-aċċess għall-istandards tal-ISO

L-istandards tal-ISO jistgħu jinxtraw permezz tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jew mill-website tal-ISO. Madankollu, il-pjattaforma online għall-konsultazzjoni dwar l-ISO tippermetti lil min jużaha jara mingħajr ħlas l-ewwel ftit paġni tal-biċċa l-kbira tal-istandards. Ġeneralment, dawn il-previżjonijiet ikunu jinkludu t-taqsimiet tal-introduzzjoni u tad-definizzjonijiet, li jagħtu idea fuq fuq tal-kontenut.

Il-parteċipazzjoni fl-iffissar tal-istandards

Individwi jew organizzazzjonijiet li interessati jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-istandards ISO jistgħu jipparteċipaw permezz tal-korpi nazzjonali membri tal-ISO. Kull pajjiż għandu organizzazzjoni nazzjonali tal-istandardizzazzjoni li tiffaċilita s-sħubija u l-involviment. Fir-rigward tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku, il-parteċipazzjoni fl-ISO/TC 37/SC 5 hija mod kif tikkontribwixxi għat-tiswir tal-futur tal-istandards f’dan il-qasam.

Ir-regolamentazzjoni internazzjonali

L-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku hija prinċipalment fir-responsabbiltà tal-pajjiżi individwali tal-UE minħabba li s-servizzi tal-interpretazzjoni u r-regolamentazzjoni tagħhom huma marbutin mill-qrib mas-sistemi tal-governanza nazzjonali u lokali. Dan id-deċentralizzazzjoni tfisser li bħalissa m’hemm l-ebda liġi ġenerali tal-UE li tapplika speċifikament għall-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku. Minflok, l-istandards u l-prattiki jvarjaw b’mod sinifikanti bejn pajjiż u ieħor, u dan jirrifletti l-kuntesti lingwistiċi, kulturali, u amministrattivi differenti.

Madankollu, hemm direttivi tal-UE li jindirizzaw l-interpretazzjoni f’oqsma speċifiċi, b’mod partikulari d-dominju legali. Dawn l-istrumenti jkopru s-servizzi tal-interpretazzjoni meħtieġa f’sitwazzjonijiet relatati mal-liġi, bħal proċedimenti kriminali jew aċċess għall-ġustizzja.

Eżempju notevoli huwa d-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali. Din tistabbilixxi regoli minimi fil-pajjiżi kollha tal-UE biex jiġi żgurat li l-persuni suspettati u akkużati li ma jkunux jitkellmu jew ma jkunux jifhmu bil-lingwa tal-proċedimenti jiġu pprovduti b’servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni mingħajr ħlas.

Eżempju ieħor huwa d-Direttiva 2012/29/UE, li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ, u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. Din id-direttiva tenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-vittmi jkunu jistgħu jifhmu xi jkun qed jiġri u jkollhom aċċess għas-servizzi billi jiġu pprovduti l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fejn ikun meħtieġ.

Il-prattiki tar-regolamentazzjoni nazzjonali u reġjonali

Ir-regolamentazzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku u tal-prattiki fil-qasam tvarja b’mod sinifikanti bejn pajjiż tal-UE u ieħor, u tirrifletti l-prijoritajiet nazzjonali, strutturi amministrattivi, u kuntesti kulturali-lingwistiċi differenti. Din id-diversità tenfasizza l-importanza tal-qsim tal-prattiki tajbin u tal-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi komuni li jeżistu biex jingħataw servizzi tal-interpretazzjoni ta’ kwalità għolja. Dawn ta’ hawn taħt huma eżempji ta’ sistemi nazzjonali u reġjonali li ta’ min iħares lejhom għar-regolamentazzjoni u l-organizzazzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku.

In-Norveġja: is-sistema b’diversi livelli

Eżempju tajjeb ħafna huwa s-sistema f’diversi livelli li għandha n-Norveġja, li jimmaniġġjaha d-Direttorat tal-Integrazzjoni u d-Diversità (IMDi). Din is-sistema tiċċertifika lill-interpreti f’livelli differenti skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, b’mod li jiżgura ġerarkija ċara tal-għarfien espert tal-interpreti. Is-sistema hija kkomplementata minn reġistru nazzjonali tal-interpreti u tenfasizza l-iżvilupp professjonali kontinwu. L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġin jużaw interpreti mir-reġistru biex jiżguraw il-kwalità, u dan jippromwovi l-professjonalizzazzjoni tas-servizzi tal-interpretazzjoni fil-pajjiż. Kompli aqra dwar il-mudell Norveġiż.

L-Iżvezja: protezzjoni legali għall-aċċess lingwistiku

Fl-Iżvezja, l-Att dwar il-Lingwi (2009:600) (Språklagen) jistabbilixxi l-Iżvediż bħala l-lingwa ewlenija u jgħabbi lis-settur pubbliku bir-responsabbiltà li jiżgura li kulħadd ikollu aċċess għas-servizzi lingwistiċi. Din ir-responsabbiltà hija spjegata aktar fid-dettall fl-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva (2017:900) (Förvaltningslagen). L-Att jirrikjedi li l-awtoritajiet pubbliċi jipprovdu interpreti u jittraduċu d-dokumenti sabiex l-individwi jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom meta jittrattaw mal-awtoritajiet.

Bl-istess mod, jekk xi ħadd ikollu diżabilità li tillimita serjament il-kapaċità tiegħu li jara, jisma’, jew jitkellem, l-awtoritajiet iridu jipprovdu wkoll l-interpretazzjoni u jagħmlu d-dokumenti aċċessibbli. Leġiżlazzjoni separata tistabbilixxi l-obbligi tal-qrati u ta’ aġenziji u korpi governattivi speċifiċi li jipprovdu interpreti u servizzi tat-traduzzjoni fejn ikun meħtieġ.

In-Netherlands: reġistru nazzjonali għall-interpreti u t-tradutturi ġuramentati

In-Netherlands joperaw reġistru nazzjonali għall-interpreti u t-tradutturi ġuramentati, li jirrikjedi li l-interpreti li jaħdmu f’kuntesti legali u tas-servizz pubbliku jissodisfaw standards professjonali speċifiċi u jieħdu taħriġ regolari. Din is-sistema ċentralizzata tippromwovi t-trasparenza u r-responsabbiltà tas-servizzi tal-interpretazzjoni.

Spanja: sistemi reġjonali għall-interpretazzjoni komunitarja

Fi Spanja, il-prattiki tal-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku spiss ivarjaw skont ir-reġjun. Pereżempju, fil-Katalonja, il-Consorci per a la Normalització Lingüística jippromwovi servizzi tal-interpretazzjoni maħsubin għall-inklużjoni lingwistika tal-migranti u ta’ nies li ma jitkellmux bil-Katalan. L-enfasi hija mitfugħa fuq l-għoti ta’ sostenn lingwistiku li jkun kulturalment sensittiv fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni, u tas-servizzi soċjali.

Ir-Renju Unit: standards u taħriġ permezz ta’ assoċjazzjonijiet professjonali

Fir-Renju Unit, ir-regolamentazzjoni tal-interpretazzjoni għas-servizzi pubbliċi hija f’idejn assoċjazzjonijiet professjonali bħaċ-Chartered Institute of Linguists (CIOL) u n- National Register of Public Service Interpreters (NRPSI). Dawn l-organizzazzjonijiet jistabbilixxu l-istandards, joffru ċertifikazzjoni bħad-Diploma fl-Interpretazzjoni għas-Servizz Pubbliku, u jżommu reġistri tal-interpreti. Filwaqt li l-interpretazzjoni għas-servizz pubbliku mhijiex soġġetta għal regolamentazzjoni legali uniformi, dawn l-inizjattivi jistabbilixxu linja bażi għall-kwalità u l-professjonalizzazzjoni.

Il-Polonja: networks reġjonali tal-interpreti

Fil-Polonja, l-amministrazzjonijiet lokali spiss jorganizzaw networks tal-interpreti biex jaqdu l-bżonnijiet tal-komunitajiet tal-migranti. Xi bliet implimentaw programmi ta’ taħriġ għal interpreti volontarji li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa jew fis-servizzi soċjali, biex jipprovdu sostenn lingwistiku f’oqsma b’domanda għolja.

It-Turkija: kollaborazzjoni bejn sħab nazzjonali u internazzjonali

Is-sistema tat-Turkija tenfasizza l-irwol ikkombinat tal-governanza nazzjonali u tal-koperazzjoni internazzjonali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-interpretazzjoni, b’mod partikulari b’rispons għall-isfidi relatati mal-migrazzjoni. Fil-qasam tas-saħħa, il-proġett SIHHAT, li hu ffinanzjat mill-UE, jimpjega interpreti full-time f’istituzzjonijiet tas-servizzi tas-saħħa primarja u sekondarja biex jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti li ma jitkellmux bit-Tork. L-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Ewropa pprovda taħriġ lill-interpreti mhux professjonisti fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa biex jgħinhom jadattaw għall-irwoli tagħhom, u l-Korporazzjoni Ġermaniża għall-Koperazzjoni Internazzjonali (GIZ) ikkoordinat programmi ta’ taħriġ għall-interpreti fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa, speċjalment fiċ-ċentri tas-saħħa mentali fil-komunità.