Is-smigħ u l-interpretazzjoni fl-istess ħin
X’inhi l-interpretazzjoni simultanja?
L-interpretazzjoni simultanja hija mod ta’ interpretazzjoni fejn il-kelliem jagħmel diskors u fl-istess ħin l-interpretu jifformula mill-ġdid id-diskors f’lingwa li tifhem l-udjenza (jew simultanjament). L-interpreti simultanji jaħdmu f’kabina tal-interpretazzjoni, għalkemm jistgħu jużaw ukoll bidule (tagħmir portabbli għall-interpretazzjoni mingħajr kabina) jew jitkellmu minn taħt l-ilsien (chuchotage). Għall-interpretazzjoni minn taħt l-ilsien, l-interpretu jkun bilqiegħda jew bilwieqfa ħdejn il-parteċipanti u jinterpreta fl-istess ħin direttament f’widnejhom.
Il-ħiliet essenzjali
Il-ħiliet meħtieġa huma l-istess bħal dawk għall-interpretazzjoni konsekuttiva.
It-tliet azzjonijiet prinċipali huma essenzjalment l-istess:
- isma’ b’mod attiv (ifhem)
- analizza (struttura l-messaġġ)
- irriproduċi (ikkomunika)
Id-differenza fl-interpretazzjoni konsekuttiva hija li dawn l-affarijiet iridu jseħħu kollha fl-istess ħin.
Il-ħiliet deskritti fil-paġna tal-interpretazzjoni konsekuttiva jibqgħu meħtieġa: wieħed ikollu mod speċjali kif jisma’, jipprijoritizza l-informazzjoni u jiddistingwi bejn l-informazzjoni primarja u sekondarja, juża l-memorja immedjata, jikkomunika, eċċ. Barra minn hekk, interpretu simultanju tajjeb irid ikun kapaċi jantiċipa dak li jaf ikun se jgħid il-kelliem (speċjalment meta l-lingwa mitkellma mill-kelliem ikollha struttura sintattika differenti ħafna minn dik li qed tiġi użata fl-interpretazzjoni). Il-kapaċità li wieħed jibqa’ kalm f’mumenti ta’ pressjoni, u li jkun reżiljenti għall-istress hija meħtieġa qatigħ fl-interpretazzjoni simultanja.
Assistenza diġitali
Peress li l-laqgħat qed isiru dejjem aktar speċjalizzati u teknikament kumplessi, il-ħiliet diġitali u l-għodod tal-IA jistgħu jgħinu biex it-tħejjija tkun aktar effiċjenti. Fil-kabini, l-għodod tal-IA jistgħu wkoll jgħinu lill-interpreti jsibu t-terminoloġija u n-numri eżatti dak il-ħin. Madankollu, l-interpretu li juża dawn l-għodod, xorta waħda jrid ikun espert fil-ħiliet deskritti hawn taħt.
Sfidi fil-kabini
Meta jintuża dan il-mod ta’ interpretazzjoni, il-lingwa attiva (mitkellma) tal-interpretu wkoll tkun taħt aktar pressjoni għaliex ikun irid jitkellem fl-istess ħin li jisma’ u janalizza. Għalhekk, meħtieġa aktar ħiliet eċċellenti fil-lingwa nattiva jew attiva milli fl-interpretazzjoni konsekuttiva.
Fl-interpretazzjoni simultanja, il-possibbiltà ta’ “tfixkil” mil-lingwa passiva (mismugħa) għal-lingwa attiva hija wkoll akbar, u għalhekk l-interpreti jridu joqogħdu aktar attenti għal dak li jgħidu. Dan jaf ifisser li wieħed jitbiegħed mis-sintassi oriġinali, iqassar is-sentenzi twal u jevita l-“ħbieb foloz” (kliem b’lingwi differenti, simili fl-ortografija u/jew fil-pronunzja iżda li ma jfissrux l-istess).
Dan jispjega għaliex l-interpreti apprendisti jitgħallmu l-ewwel l-interpretazzjoni konsekuttiva peress li hawn jitgħallmu l-ħiliet ewlenin meħtieġa għall-interpretazzjoni. L-interpretazzjoni simultanja tuża l-istess ħiliet iżda bi ftit aktar kumplessità u diffikultà.
L-interpretazzjoni simultanja teħtieġ il-kisba ta’ taħlita ta’ ħiliet differenti. Minkejja li hu fundamentali li wieħed jitkellem aktar minn lingwa waħda, dan hu biss parti mill-kompitu. Ħafna universitajiet joffru korsijiet fl-interpretazzjoni tal-konferenzi.
Riżorsi
F’din il-pjattaforma jeżistu għadd ta’ riżorsi għall-interpretazzjoni simultanja:
- Repożitorju tad-diskorsi (għall-prattika tad-diskorsi)
- Materjal ta’ taħriġ tad-DĠ Interpretazzjoni
- ORCIT (Online Resources for Conference Interpreter Training)
Għal informazzjoni aktar dettaljata, tista’ tikkonsulta għadd kbir ta’ kotba dwar l-interpretazzjoni simultanja. Uħud mill-ismijiet u aktar riżorsi utli ssibhom fil-paġni tagħna ddedikati għall-kotba u l-kotba elettroniċi u għall-artikli u l-ġurnali.