Permezz tas-sistema ta’ għotjiet tagħha, is-SCIC jista’ tiffinanzja proġetti ta’ riċerka. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-għotjiet fil-paġna ddedikata
Rikonoxximent Awtomatiku tad-Diskors (ASR - Automatic Speech Recognition)
Id-DĠ SCIC, l-Università ta’ Ghent u l-Università Johannes Gutenberg Mainz wettqu proġett ta’ riċerka biex jivvalutaw il-benefiċċji u l-utilità potenzjali tat-teknoloġija tar-Rikonoxximent Awtomatiku tad-Diskorsi fil-kabina. Dan il-proġett ta’ riċerka ġie kofinanzjat mid-DĠ SCIC fi ħdan l-iskema Għotjiet għal azzjonijiet ta’ appoġġ għat-taħriġ fl-interpretazzjoni tal-konferenzi. Il-proġett beda f’Settembru 2020 u ntemm f’Awwissu 2021.
Ir-riċerkaturi involuti huma Bart Defrancq, kap tat-taħriġ tal-interpreti fl-Università ta’ Ghent, u Claudio Fantinuoli (Università Johannes Gutenberg Mainz), fundatur ta’ InterpretBank. Helena Snoeck (Università ta’ Ghent) hija l-assistent tar-riċerka għall-proġett.
Ir-riċerkaturi wettqu stħarriġ fost l-interpreti professjonali mid-DĠ SCIC biex isiru jafu kif jistgħu jagħmlu x-xogħol tal-interpreti aktar faċli u jiżviluppaw għodod utli għalihom. Bħala l-pass li jmiss, huma talbu lill-interpreti tad-DĠ SCIC biex jittestjaw is-soluzzjoni f’ambjent ta’ interpretazzjoni.
Kif jista’ l-ASR jgħin lill-interpreti?
Ir-Rikonoxximent Awtomatiku tad-Diskors, fil-qosor ASR, jista’ jiffunzjona b’suċċess bħala sistema ta’ appoġġ għall-interpreti fil-kabina. Is-sistema ASR tislet informazzjoni mill-awdjo tal-kelliem sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-interpreti. “Fejn il-bnedmin għandhom it-tendenza li jkunu dgħajfin, il-magni għandhom it-tendenza li jkunu b’saħħithom ħafna, u bil-maqlub”, jgħid Bart Defrancq.
Is-sistema turi n-numri, l-ismijiet u t-terminoloġija, li jissemmew mill-kelliem. It-terminoloġija li tintuża tiġi minn bażi tad-data speċifika għall-avveniment, li tippermetti lill-interpreti jibbenefikaw mis-snin ta’ esperjenza tal-organizzazzjoni f’konferenzi u laqgħat oħra.
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li mhux dak kollu li qed jingħad jidher fuq l-iskrin, peress li dan joħloq piż konjittiv addizzjonali. L-iskop tas-sieħeb artifiċjali tal-kabina huwa li jipprovdi għajnuna għall-interpreti f’oqsma speċifiċi. “L-interpreti jistgħu jużaw is-sistema bħal sieħeb fil-kabina,” jgħid Claudio Fantinuoli, “u jikkonsultawha kull meta jkollhom bżonn l-għajnuna.”
Kif ġew organizzati t-testijiet?
Esperiment aktar bikri mir-riċerkaturi ma’ studenti tal-interpretazzjoni wera riżultati promettenti. Pereżempju, ir-rikonoxximent awtomatiku tan-numri jtejjeb il-prestazzjoni ġenerali għal kważi t-tipi kollha ta’ numri. It-test wera li n-numri huma ppreżentati mis-sistema bi preċiżjoni impressjonanti ta’ 95%. Ir-riċerkaturi riedu jivverifikaw dawn ir-riżultati mal-interpreti professjonali fid-DĠ SCIC, biex jiżguraw li dawk li se jużaw u jibbenefikaw minn dan il-proġett se jkollhom l-aħjar esperjenza possibbli.
Għoxrin interpretu voluntier ipparteċipaw fit-test. Għaxra mill-kabina Olandiża u għaxar interpreti oħra mill-kabina Spanjola. L-idea kienet li t-test isir b’lingwa Rumanza u Ġermanika, minħabba d-differenzi bejn il-modi kif jiġu ffurmati n-numri fiż-żewġ familji tal-lingwi (qabbel pereżempju, “treinta y dos” bl-Ispanjol ma’ “tweeëndertig” bl-Olandiż).
Matul it-testijiet, il-parteċipanti nterpretaw erba’ diskorsi qosra (ħames minuti għal kull diskors b’żewġ minuti bejn id-diskorsi, jiġifieri total ta’ tletin minuta) bil-lingwa tagħhom bl-għajnuna tas-soluzzjoni għar-rikonoxximent tad-diskors. Għall-fini ta’ dan l-eżerċizzju, il-voluntiera rreġistraw id-diskorsi tagħhom bl-użu tar-Repożitorju tad-Diskors tad-DĠ SCIC u SCICrec, is-software ta’ reġistrazzjoni offrut mill-pjattaforma. SCICrec jagħti l-possibbiltà li jiġu inkorporati żewġ mogħdijiet tal-awdjo f’file wieħed, li ppermetta lit-tim tar-riċerka jqabbel ix-xogħol tal-interpreti.
L-ewwel impressjonijiet
Carmen Gomez von Styp Rekowski mill-kabina Spanjola ħadet sehem fit-testijiet u sabitha interessanti ħafna li tipprova xi ħaġa ġdida li tista’ twassal għal soluzzjoni li tgħin lill-interpreti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. “Is-Sieħeb Awtomatiku tal-Kabina jista’ jkun ta’ għajnuna fil-kabina, sakemm ir-riżultati jkunu affidabbli”, qalet. “Inqisu bħala għodda utli ħafna. Dan ma jissostitwixxix sieħeb tal-kabina, iżda jista’ jkun vantaġġ kbir.”
L-għodda hija għajnuna fil-kabina, minkejja li żżid mal-ammont ta’ informazzjoni disponibbli, li l-interpreti jridu jittrattaw f’ħin reali. “Hemm vantaġġi u żvantaġġi. Fil-kabina, aħna rridu nipproċessaw ħafna informazzjoni minn sorsi differenti, u mhux faċli nimmaniġġjaw l-attenzjoni tagħna b’aktar għodda milli kellna qabel. Xi drabi rridu nsibu u nisiltu informazzjoni minn fuq l-internet, minħabba li ma nkunux irċevejna l-informazzjoni f’dokument tal-laqgħa. Jekk l-għodda ta’ rikonoxximent tad-diskorsi tkun affidabbli, faċli biex tintuża u komda, tkun ta’ għajnuna kbira.”
Links
Biex iżżomm ruħek aġġornat u biex tikseb aktar informazzjoni dwar l-esperiment tista’ żżur ukoll il-paġna tal-Università ta’ Ghent.