Spjegazzjoni dwar il-klassijiet virtwali
Il-klassijiet virtwali huma sessjonijiet ta’ taħriġ, li jdumu bejn sagħtejn u sagħtejn u nofs, organizzati b’vidjokonferenza ma’ universitajiet imsieħba. L-interpreti tad-DĠ Interpretazzjoni b’esperjenza ta’ taħriġ huma assenjati għal sessjonijiet speċifiċi bħala trainers u kelliema.
Kull sena akkademika jiġu organizzati madwar 60 sessjoni ma’ aktar minn 30 università sieħba minn madwar id-dinja, u ma’ istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej oħrajn.
Il-proġett beda madwar l-2009 u għaqqad il-KE, il-PE u grupp ta’ universitajiet Ewropej bl-organizzazzjoni ta’ klassijiet virtwali multilaterali li jlaqqgħu flimkien 3 universitajiet kull darba u l-istituzzjonijiet.
Hawn taħt tista’ tara stampa ta’ waħda mill-ewwel klassijiet virtwali multilaterali.
Maż-żmien, kull istituzzjoni żviluppat il-programm tagħha stess ta’ klassijiet virtwali u saret enfasi fuq klassijiet virtwali bilaterali (bejn istituzzjoni tal-UE waħda u università sieħba waħda). Madankollu, id-DĠ Interpretazzjoni għadu jorganizza Klassijiet Virtwali trilaterali li jikkollegaw żewġ universitajiet sħab jew università waħda ma’ istituzzjoni Ewropea jew internazzjonali oħra.
Bħalissa l-moduli offruti jvarjaw minn sessjonijiet ta’ taħriġ tal-interpretazzjoni standard konsekuttiva jew simultanja, sa seminars u simulazzjonijiet ta’ testijiet interistituzzjonali għal ħaddiema freelance.
Hawn taħt se tara xi stampi tat-tipi differenti ta’ Klassijiet Virtwali organizzati mid-DĠ Interpretazzjoni u link għall-Menu tat-Taħriġ Virtwali, fejn tista’ tikkonsulta l-moduli differenti tat-taħriġ remot offruti bħalissa fil-format ta’ Klassijiet Virtwali.
Biex jieħdu sehem fil-programm tal-Klassijiet Virtwali, l-universitajiet għandu jkollhom sistema ta’ vidjokonferenza li tkun kompatibbli mat-teknoloġija użata mid-DĠ Interpretazzjoni.