Il-klassijiet virtwali huma sessjonijiet ta’ taħriġ online li jdumu bejn sagħtejn u sagħtejn u nofs. Dawn il-klassijiet, li jorganizzahom id-DĠ Interpretazzjoni, huma offruti lill-universitajiet li jikkoopera magħhom id-DĠ. Dawn is-sessjonijiet imexxuhom, bħala ħarrieġa u kelliema, interpreti li huma parti mill-istaff u li għandhom esperjenza fit-taħriġ tal-interpreti tal-konferenzi.
L-istorja tal-proġett
Il-proġett beda għall-ħabta tal-2009 u laqqa’ flimkien lill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u grupp ta’ universitajiet Ewropej. Għall-bidu l-klassijiet virtwali kienu jinvolvu kemm lill-istituzzjonijiet kif ukoll lil gruppi ta’ tliet universitajiet.
Maż-żmien, kull istituzzjoni żviluppat il-programm tal-klassijiet virtwali tagħha stess, b’enfasi fuq klassijiet virtwali individwali (bejn waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE u waħda mill-universitajiet sħab).
Il-kontenut tal-klassijiet
Il-moduli li qed jiġu offruti bħalissa jkopru l-prattika konsekuttiva u simultanja avvanzata, inkluża l-interpretazzjoni retour, bil-lingwi ta’ ħidma ta’ kull grupp.
Għall-interpretazzjoni simultanja, il-klassijiet virtwali jiġu pprovduti mill-bogħod bl-użu tal-Għodda għat-Taħriġ tal-Interpreti. B’din l-għodda l-ħarrieġa jistgħu jisimgħu żewġ lingwi (l-interpretazzjoni u d-diskors oriġinali) minn kuffja waħda.