Taħriġ għat-Trainers
Id-DĠ Interpretazzjoni jorganizza seminars “Taħriġ għat-Trainers” (TFT) fi Brussell fuq bażi regolari, b’tul ta’ żmien ta’ ħamest ijiem, għat-trainers tal-interpretazzjoni f’universitajiet sħab minn Stati Membri u pajjiżi kandidati, iżda wkoll minn pajjiżi terzi bħar-Russja u l-Afrika fil-qafas tal-PAMCIT (il-Konsorzju tal-Masters fl-Interpretazzjoni u t-Traduzzjoni).
Il-profil tal-parteċipanti tat-TFT hu dak ta’ trainers tal-interpreti, jew staff universitarju jew trainers esterni, dment li jkomplu jgħallmu fl-iskola rispettiva għall-futur prevedibbli. In-numru medju ta’ parteċipanti għal kull seminar hu ta’ 12, b’minimu ta’ 10 u b'massimu ta’ 14.
Is-seminars jistgħu jsiru b’mod parallel u ikla ta’ nofsinhar hi organizzata f’nofs is-sessjonijiet ta’ taħriġ, li jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jibnu l-kuntatti tan-network tagħhom, iżda wkoll li jiltaqgħu mad-Direttur Ġenerali għall-Interpretazzjoni u l-Kapijiet tal-unitajiet ta’ Interpretazzjoni.
Is-seminars tat-TFT jirrappreżentaw wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Appoġġ għat-Taħriġ tal-Interpreti tad-DĠ Interpretazzjoni, kif muri minn stħarriġ li sar fl-2014 mal-universitajiet sħab, fejn dawn ġew indikati bħala t-tieni attività ta’ appoġġ l-aktar apprezzata wara l-għotjiet, b’rata ta’ sodisfazzjon ġenerali ta’ 93%.
It-TTFs mhumiex biss eżerċizzju ta’ bini ta’ kapaċità, iżda huma wkoll pjattaforma ta’ networking u ċentru għall-ħolqien ta’ komunità tal-aħjar prattiki, u jagħmlu parti mill-politika ta’ lħuq tad-DĠ Interpretazzjoni, li permezz tagħha nittrasferixxu l-istandards ta’ eċċellenza u l-għarfien tagħna lit-trainers universitarji - u bis-saħħa tagħhom lil hinn għall-pari u l-istudenti tagħhom.