Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

Għodod u riżorsi ta’ taħriġ

<p>Għodod u riżorsi ta’ taħriġ online għall-istudenti u l-ħarrieġa tal-interpretazzjoni tal-konferenzi</p>

Hawn taħt issib ir-riżorsi u l-għodod ta’ taħriġ online għall-istudenti tal-interpretazzjoni. Jistgħu jkunu wkoll ta’ ispirazzjoni għall-ħarrieġa u l-interpreti professjonali.

Għodod tad-DĠ Interpretazzjoni

Matul is-snin, id-DĠ Interpretazzjoni żviluppa għadd ta’ għodod.

Repożitorju tad-diskorsi

Ir-Repożitorju tad-diskorsi jinkludi aktar minn 5 000 diskors b’aktar minn 30 lingwa biex wieħed jipprattika l-interpretazzjoni tal-konferenzi. Kulħadd jista’ jidħol fih biex jisma’ diskorsi b’lingwi differenti u jipprattika l-interpretazzjoni.

Ir-Repożitorju tiegħi tad-diskorsi

Id-DĠ Interpretazzjoni ħoloq ir-Repożitorju tiegħi tad-diskorsi għall-universitajiet li nikkollaboraw magħhom, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-persunal u l-interpreti freelance li jaħdmu mal-istituzzjonijiet tal-UE. Din hi parti ristretta tar-Repożitorju tad-diskorsi b’funzjonalitajiet addizzjonali.

Permezz tar-Repożitorju tiegħi tad-diskorsi, l-utenti jikkollaboraw flimkien billi jibagħtu stediniet għar-reġistrazzjoni tal-interpretazzjonijiet tad-diskorsi. Bis-saħħa tal-għodda ta’ reġistrazzjoni SCICrec, l-utenti jistgħu jisimgħu d-diskors oriġinali u r-reġistrazzjoni fl-istess ħin permezz ta’ żewġ kanali tal-awdjo. Jistgħu wkoll jaqsmu l-fajl ma’ utenti oħrajn u jitolbuhom il-feedback.

Il-Ġabriet tiegħi 

Il-Ġabriet tiegħi hi funzjoni ġdida fir-Repożitorju tiegħi tad-diskorsi. Permezz ta’ din it-taqsima, b’aċċess għar-Repożitorju tiegħi tad-diskorsi u bl-approvazzjoni tad-DĠ Interpretazzjoni, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet jistgħu joħolqu l-ġabriet privati tagħhom tad-diskorsi filwaqt li jżommu l-funzjonalitajiet kollha tar-Repożitorju tiegħi tad-diskorsi.

Jekk tixtieq tibda l-ġabra personali tiegħek, tista’ tiktbilna fuq l-email SCIC-Speech-Repository@ec.europa.eu.

SCICtrain

SCICtrain hi ġabra ta’ vidjos li juru kif interpretu professjonali jagħmel eżerċizzju ta’ interpretazzjoni. Tista’ tara l-interpreti jipprattikaw, tirċievi l-feedback u tiddiskuti d-diffikultà ta’ diskors jew l-istrateġiji li użaw għal kelliem partikolari. Hemm ukoll vidjos dwar kif tipprattika, iżżid lingwa mal-kombinazzjoni eżistenti tiegħek jew kif tħejji għal test ta’ akkreditazzjoni u tgħaddi.

Materjal ta’ taħriġ tad-DĠ Interpretazzjoni

Id-DĠ Interpretazzjoni żviluppa materjal ta’ taħriġ li l-interpreti tiegħu jistgħu jużaw meta jagħmlu żjarat ta’ assistenza fit-tagħlim fl-universitajiet.

Ippubblika wkoll The Retouriste's Compendium, li jelenka 100 verb proto għall-interpreti b’retour għall-Ingliż.

ORCIT

ORCIT hi librerija pubblika online b’kontenut fi tmien lingwi dwar it-tagħlim u l-apprendiment tal-interpretazzjoni tal-konferenzi. Dan il-proġett kien żviluppat minn diversi universitajiet Ewropej, bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea.

Oħrajn

Interpreter Training Resources

Interpreter Training Resources hu sit li jiġbor materjali u links biex jappoġġa lill-interpreti tal-konferenzi li qed jitħarrġu u lil dawk li jħarrġuhom.

A word in your ear

A word in your ear hi ġabra estensiva ta’ vidjos dwar il-professjoni tal-interpretazzjoni maħluqa minn Lourdes de Rioja, interpretu tal-konferenzi AIIC.

The Interpreter Diaries

The Interpreter Diaries hu blog dwar l-interpretazzjoni maħluq minn interpretu freelance tal-UE.

Troublesome Terps

Troublesome Terps hu podcast dwar l-affarijiet li jinkwetaw lill-interpreti.

Interpreters in Brussels Practice Group (IBPG)

IBGP (IBPG YouTube) hu grupp ta’ prattika għall-interpreti professjonali u l-gradwati riċenti bbażati fi Brussell. L-għan tiegħu hu li jidħol fid-dettall dwar il-ħiliet tal-interpretazzjoni kemm simultanja kif ukoll konsekuttiva permezz ta’ prattika fi grupp u feedback reċiproku.

Skilliga

Skilliga torganizza korsijiet u attivitajiet ta’ żvilupp professjonali għat-tradutturi u l-interpreti. Tipprovdi għodda ta’ tiftix bla ħlas għall-iżvilupp professjonali kontinwu.

Interpreters know everything

Interpreters know everything hu blog dwar l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u l-interpretazzjoni.