Skip to main content
Knowledge Centre on Translation and Interpretation

L-industrija tal-lingwi

Skopri x’tagħmel l-industrija tal-lingwi u kif il-Grupp ta’ Esperti tal-Industrija tal-Lingwi jgħin lill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tax-xejriet fil-qasam tat-traduzzjoni, tat-teknoloġiji tal-lingwa, u tal-iżviluppi tal-industrija.

LIND logo

L-industrija tal-lingwi

L-industrija tal-lingwi għandha rwol vitali biex toħloq rabta fost in-nies, in-negozji, u l-komunitajiet billi tipprovdi servizzi lingwistiċi għal soluzzjonijiet multilingwi. Dawn is-servizzi jinkludu:

  • it-traduzzjoni
  • l-interpretazzjoni
  • it-teknoloġiji tal-lingwa
  • it-traduzzjoni awdjoviżiva
  • posteditjar.

Wara dawn is-servizzi hemm professjonisti li jiżguraw li l-messaġġi u l-ideat jaslu għand l-udjenzi fil-format it-tajjeb u li jkun fihom il-kontenut it-tajjeb. Bis-saħħa ta’ dawn il-professjonisti u tat-teknoloġiji avvanzati tal-lingwa — inklużi dawk ibbażati fuq l-IA — in-negozji u l-pubbliku jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni bil-lingwi li l-aktar li jafu. 

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠT) tal-Kummissjoni Ewropea jifforma parti mill-industrija tal-lingwi permezz tat-traduzzjonijiet, l-editjar, u s-servizzi bbażati fuq l-IA. Id-DĠ jikkonsulta regolarment mal-Grupp ta’ Esperti tal-Industrija tal-Lingwi (LIND) għal għarfien addizzjonali dwar l-iżviluppi ta’ dan is-settur dinamiku u li qed jiżviluppa malajr. 

Suġġetti ta’ interess komuni jinkludu:

  • kif għandhom jiġu indirizzati d-distakki perċepiti fil-ħiliet
  • kif l-IA taffettwa lill-professjonijiet lingwistiċi
  • it-taħriġ tal-professjonisti tal-futur.

Dawn ta’ spiss jiġu diskussi f’kooperazzjoni man-netwerk tal-EMT.

Dokumenti rilevanti tal-grupp LIND

Il-grupp LIND jipprovdi għarfien espert tal-industrija mhux biss lid-DGT iżda lill-pubbliku ġenerali f’oqsma differenti, kif muri hawn taħt.

Rapporti tal-ELIS dwar is-suq

Fl-2013, l-Unjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Kumpaniji tat-Traduzzjoni (EUATC) nediet l-Istħarriġ dwar l-Industrija Lingwistika Ewropea (ELIS, European Language Industry Survey). Illum il-ġurnata, l-ELIS jiġi organizzat flimkienmal-ELIAil-FIT Europeil-GALA, in-network universitarju tal-EMT, il-grupp LIND tal-Kummissjoni Ewropea, u l-Women in Localization. L-istħarriġ ikopri x-xejriet, l-aspettattivi, u t-tħassib tas-suq, l-isfidi u l-ostakli, u l-bidliet fil-prattiki kummerċjali. Isir kull sena u jiġi ppreżentat f’webinar miftuħ għall-pubbliku.

Rapporti tal-ELIS

Kampanja dwar il-viżibbiltà tal-industrija

Il-professjonijiet lingwistiċi għaddejjin minn żmien ta’ bidla u qed jaġġustaw ruħhom għall-era l-ġdida tal-IA. Biex iħejju lill-professjonisti futuri, l-esperti tal-industrija tal-lingwi żviluppaw, bl-appoġġ tad-DGT, sensiela ta’ gwidi stimulanti maħsubin għall-istudenti, għall-għalliema, u għall-ġenituri. Dawn juru l-versatilità u l-opportunitajiet globali li għandha x’toffri karriera fil-qasam tal-lingwi. 

Promozzjoni tat-traineeships

It-traineeships għandhom sehem vitali fil-ħolqien ta’ karrieri sodi għall-ġodda u jgħinu lill-organizzazzjonijiet biex jikbru. It-traineeships inaqqsu d-distakk bejn it-taħriġ u l-prattika professjonali, filwaqt li jgawdu minnhom it-trainees u l-organizzazzjonijiet ospitanti.

L-għoti ta’ esperjenza fid-dinja reali lit-trainees jinvolvi li jingħataw opportunità li japplikaw il-ħiliet li jkunu kisbu tul l-istudji tagħhom u jitgħallmu oħrajn ġodda filwaqt li jibnu networks professjonali li jiftħulhom il-bibien fil-futur.

Biex jiġu ffaċilitati r-riċerka għat-traineeships u l-organizzazzjoni tagħhom, l-esperti tal-grupp LIND ingħaqdu man-network tal-EMT u ħejjew għodod u gwidi għall-istudenti u għall-kumpaniji li qed jaħsbu biex jimpjegaw trainees.

Iċ-Ċentru tal-Għarfien dwar it-Traduzzjoni u l-Interpretazzjon (KCTI) jippromwovi t-traineeships fl-Ewropa u lil hinn minnha fit-taqsima tal-karrieri tagħha.