Kooperazzjoni bejn id-DĠ Traduzzjoni u universitajiet li jħarrġu lit-tradutturi
Minbarra li jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea bi traduzzjonijiet ta’ kwalità għolja u servizzi lingwistiċi oħrajn bl-ilsna uffiċjali tal-UE, id-DĠ Traduzzjoni jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji lingwistiċi avvanzati xprunati mid-data, għad-diġitalizzazzjoni ta’ sistemi u proċessi multilingwi, u għall-modernizzazzjoni tal-professjoni tat-traduzzjoni billi jappoġġa t-taħriġ tat-tradutturi. Id-DĠT jikkollabora mill-qrib mal-universitajiet li joffru taħriġ għat-tradutturi, b’mod partikulari ma’ universitajiet li huma membri tan-netwerk tal-Master Ewropew fit-Traduzzjoni.
In-Network tal-Master Ewropew fit-Traduzzjoni (EMT)
Il-blog tal-EMT — L-aħħar aħbarijiet dwar it-taħriġ fit-traduzzjoni
Id-DĠ Traduzzjoni jappoġġja l-Master Ewropew fit-Traduzzjoni, tikketta ta’ kwalità għall-programmi universitarji tal-Master fit-traduzzjoni u network ta’ programmi tal-istudju tat-traduzzjoni.
L-għan ewlieni tal-EMT huwa li jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ tat-tradutturi u b’hekk jagħti opportunitajiet aħjar lill-professjonisti żgħażagħ tal-lingwi biex isibu xogħol. Fl-istess ħin, l-EMT ilaqqa’ akkademiċi tat-traduzzjoni mill-UE u lil hinn minnha li jirrappreżentaw il-Master tagħhom fin-network u jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ riċerka, f’bini ta’ kuntatti, u fi skambju ta’ għarfien u tal-aħjar prattiki.
L-EMT qiegħed fuq quddiem nett fl-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-IA u tal-lingwa/tat-traduzzjoni, u jħejji lill-istudenti għal profili tal-impjiegi emerġenti fi professjonijiet lingwistiċi ġodda li jħalltu t-teknoloġija u l-IA. Filwaqt li jikkollabora mill-qrib mad-DĠT dwar il-prijoritajiet fil-qasam tar-riċerka, l-EMT, immexxi mill-Bord elett tiegħu u ppresedut mid-Direttur Ġenerali tad-DĠT, jinvolvi lill-membri tiegħu fi gruppi ta’ ħidma speċifiċi ffukati fuq it-taħriġ inizjali tat-tradutturi kif ukoll fuq it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħarrieġa fil-qasam tat-traduzzjoni. Bil-promozzjoni tal-innovazzjoni u bl-adozzjoni ta’ prattiki avvanzati, l-EMT qed jiddefinixxi mill-ġdid l-istudji tat-traduzzjoni biex jissodisfaw l-esiġenzi tal-futur.
L-istudenti tal-EMT għandhom ukoll rwol importanti fin-network u spiss jiġu mistednin biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, filwaqt li jaqsmu man-network l-esperjenza tagħhom bħala professjonisti żgħażagħ u r-riżultati tar-riċerka tagħhom.
Il-qafas tal-kompetenzi għall-EMT, li ħejjewh l-esperti Ewropej, huwa fil-qalba tal-proġett. Jiddefinixxi l-ħiliet bażiċi li jeħtieġu t-tradutturi biex jaħdmu b’suċċess fis-suq tal-lum. Għadd dejjem jikber ta’ universitajiet, fl-UE u lil hinn minnha, jużawh bħala mudell biex ifasslu l-programmi tagħhom.